Description
L-alla Eġizzjan Ra, li għalih huma ddedikati kemm it-titlu ta’ din il-ġabra poetika kif ukoll l-ewwel poeżija fiha, huwa wieħed mill-aħjar eżempji ta’ proċess akkumulattiv u dinamiku li ma jħallix lill-oġġett jinftiehem bħala entità kompluta. Anki fil-kuntest Eġizzjan tagħha, il-figura mitoloġika Ra diġà tinvolvi kumpless sħiħ ta’ divinitajiet oħra affiljati max-xemx. Din in-narrattiva mitoloġika tipprovdi wkoll firxa estensiva ta’ affiljazzjonijiet oħra naturali mal-istess figura ta’ Ra, bħalma huma ż-żerniq, id-dawl, il-beraħ smewwi, u l-ħajja mifdija. Il-qarrej tal-poeżija ta’ Sharples jeħtieġ għarfien imqar ġenerali ta’ dan ir-repertorju arketipali biex ikun jista’ jistħajjel il-vjaġġ epiku li l-poeżija “Ra” qiegħda talludi għalih, jiġifieri x-xbieha tal-“ġifen dehbien” li fuqu jsalpaw l-elementi fejjieda tax-xemx wara kull lejl. Fil-mitoloġija Eġizzjana, dawn l-elementi mdawlin jixirfu kuljum mix-xefaq biex jegħlbu d-“dagħmien” tas-serpent Apophis, l-għadu tad-dawl fejjiedi u allura l-ostaklu għal kull sebħ ġdid. F’dan il-moviment arketipali, ix-xemx diġà timmanifesta ruħha bħala naħa waħda ta’ tensjoni qadima bejn il-forzi opposti tan-natura, jiġifieri bħala aġent li jikseb is-sinifikat relattiv tiegħu mill-konfront mal-aġent kuntrarju tad-dlam.
Bernard Micallef