Description
Is-sagristan ħejja kollox għall-quddiesa. Barra, jistennew fi dlam miksur biss mid-dawl isfar tal-bozoz tat-triq, kien hemm l-istess grupp ta’ anzjani Nsara. Hekk kif infetħet il-grada tal-ħadid lewn il-fidda taz-zuntier, ilkoll irħewlha jiġru kemm jifilħu lejn dak li huma jqisu bħala posthom. Huma u deħlin kollha sellmu ħafif ħafif lill-Madonna tal-Grazzja. Mhuwiex ħin ta’ talb twil, ma jmurx xi skamplu jfettillu jpoġġi f’posthom, f’dak is-Santwarju maestuż iżda prattikament vojt min-nies. Waqt li poġġew bil-qiegħda, ħadd minnhom ma basar li dak il-jum ma kienx bħall-oħrajn. L-Arċipriet ta’ Ħaż-Żabbar ma tfaċċax għall-quddiesa. L-Arċipriet għeb.